Il-Grotta ta' Chauvet, magħrufa wkoll bħala l-Grotta Chauvet-Pont-d'Arc jew il-Grotta ta' Pont d'Arc, (bil-Franċiż: Grotte Chauvet-Pont d'Arc, pronunzjata bil-Franċiż: ) fid-dipartiment ta' Ardèche fix-Xlokk ta' Franza hija grotta li fiha wħud mill-iktar pitturi ppreservati ta' ġol-għerien fid-dinja, kif ukoll evidenza oħra dwar il-ħajja fl-Aħħar tal-Era Paleolitika. Il-grotta tinsab qrib il-komun ta' Vallon-Pont-d'Arc fuq irdum tal-ġebla tal-ġir 'il fuq mill-baċir preċedenti tax-xmara Ardèche, fil-widien dojoq ta' Ardèche.
Il-grotta ġie skoperta fit-18 ta' Diċembru 1994, u hija meqjusa bħala wieħed mill-iktar siti sinifikanti tal-arti preistorika, tant li tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-22 ta' Ġunju 2014, inqas minn għaxar snin wara li ġiet skoperta. Il-grotta ġiet esplorata għall-ewwel darba minn grupp ta' tliet speleologi: Eliette Brunel-Deschamps, Christian Hillaire, u Jean-Marie Chauvet. Il-grotta ssemmiet għal dan tal-aħħar sitt xhur wara li fetħa magħrufa bħala "Le Trou de Baba" ("It-Toqba ta' Baba") ġiet skoperta minn Michel Rosa (Baba). Iktar 'il quddiem, il-grupp irritorna fil-grotta. Membru ieħor tal-grupp, Michel Chabaud, flimkien ma' tnejn oħra, daħlu iktar fil-fond tal-grotta u skoprew il-Gallerija tal-Iljuni, l-Aħħar Kompartiment tal-grotta. Chauvet fassal rendikont dettaljat tiegħu stess tal-iskoperta. Minbarra l-pitturi u evidenza umana oħra, huma skoprew ukoll fdalijiet fossilizzati, impronti, u marki minn varjetà ta' annimali, li wħud minnhom issa huma estinti.
Studju ulterjuri mill-arkeologu Franċiż Jean Clottes żvela ħafna iktar dwar is-sit. Id-datar kien kwistjoni ta' diżgwid iżda studju li ġie ppubblikat fl-2012 appoġġa d-datar tal-arti fil-perjodu ta' Aurignac, bejn wieħed u ieħor 30,000–32,000 sena ilu. Studju li ġie ppubblikat fl-2016 uża 88 datar addizzjonali permezz tar-radjokarbonju, u wera li kien hemm żewġ perjodi ta' abitazzjoni fil-grotta, waħda bejn 33,500 sa 37,000 sena ilu u oħra bejn 28,000 sa 31,000 sena ilu, u l-biċċa l-kbira tat-tpinġijiet suwed ġew datati li saru fl-iktar perjodu bikri.
Il-grotta tinsab 'il fuq mill-baċir preċedenti tax-xmara Ardèche qabel iffurmat il-ħnejja naturali ta' Pont d'Arc. Fil-widien dojoq tar-reġjun ta' Ardèche hemm bosta għerien, u diversi minnhom għandhom xi importanza ġeoloġika jew arkeoloġika.
Abbażi tad-datar bir-radjokarbonju, il-grotta jidher li ntużat mill-bnedmin matul żewġ perjodi distinti: l-Era ta' Aurignac u l-Era Gravettjana. Il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet tal-arti saru fl-Era ta' Aurignac (30,000 sa 32,000 sena ilu). L-abitazzjoni fl-Era Gravettjana, li seħħet xi 25,000 sa 27,000 sena ilu, ħalliet biss l-impronti tas-saqajn ta' tifel jew tifla, il-fdalijiet maħruqin ta' ħuġġiġiet antiki, u tebgħat tal-karbonju min-nugrufun ta' torċi li kien jinxtegħlu fil-grotta. L-impronti tas-saqajn jaf huma l-eqdem impronti tas-saqajn umani li jistgħu jiġu datati b'mod akkurat. Wara ż-żjara tat-tifel jew tat-tifla fil-grotta, l-evidenza tissuġġerixxi li minħabba ċediment tal-art li għatta d-daħla storika, il-grotta baqgħet mhux mimsusa sa ma ġiet skoperta fl-1994.
Fuq l-art ratba u qisha taflija tal-grotta nstabu impronti tas-saqajn tal-orsijiet, flimkien ma' marki kbar ġejjin għat-tond li jingħad li x'aktarx ġew magħmula mill-orsijiet biex jorqdu fihom. L-għadam fossilizzat huwa abbundanti u jinkludi l-kranji ta' orsijiet tal-għerien u l-kranju bil-qrun ta' mogħża tal-barr. L-impronti tas-saqajn ta' tifel jew tifla ta' età żgħira u dawk ta' lupu jew kelb mexjin maġenb xulxin instabu fil-grotta. Din l-informazzjoni tissuġġerixxi li l-oriġini tal-kelb domestiku tmur lura għal qabel l-aħħar era glaċjali.
Mijiet ta' pittturi ta' annimali ġew katalogizzati, u juru mill-inqas 13-il speċi differenti, inkluż uħud li qajla jew qatt ma nstabu f'pitturi oħra tal-era glaċjali. Minflok jintwerew l-erbivori familjari biss li kienu predominanti fl-arti Paleolitika fl-għerien, jiġifieri żwiemel, gniedes estinti, mammutijiet, eċċ., il-ħitan tal-Grotta ta' Chauvet fiha bosta annimali predaturi, eż., iljuni tal-għerien, leopardi, orsijiet, u jeni tal-għerien. Hemm ukoll pitturi ta' rinoċerontijiet.
Xi ħaġa tipika tal-biċċa l-kbira tal-arti fl-għerien hi li ma hemm l-ebda pittura ta' figuri umani sħaħ, għalkemm hemm figura parzjali waħda ta' "Venere" komposta minn qisha vulva mehmuża ma' par mhux komplut ta' riġlejn. 'Il fuq mill-Venere, u f'kuntatt magħha, hemm ras ta' biżont, li wassal biex uħud jiddeskrivu t-tpinġija kompożita bħala Minotawru. Hemm ftit pannelli ta' impronti u marki tal-idejn bl-okra ħamra magħmula bl-infiħ tal-pigment fuq l-idejn magħfusin mas-superfiċe tal-grotta. Fil-grotta kollha hemm ukoll bosta marki astratti — linji u tikek. Barra minn hekk, hemm żewġ immaġnijiet mhux identifikabbli li għandhom għamla vaga ta' farfett jew tajra. Dan il-kombinament ta' suġġetti wassal biex xi studenti tal-arti u tal-kultura preistorika jemmnu li kien hemm aspett ritwalistiku, xamaniku jew maġiku mehmuż ma' dawn il-pitturi.
Tpinġija partikolari, li iktar 'il quddiem ġiet sovraimposta bi skizz ta' ċerva, qisha vulkan li ħierġa l-lava minnu, simili għall-vulkani reġjonali li kienu attivi dak iż-żmien. Jekk dan huwa l-każ, din tkun tirrappreżenta l-iktar tpinġija bikrija magħrufa ta' żbroffar vulkaniku.
L-artisti li pproduċew dawn it-tpinġijiet użaw tekniki li qajla ntużaw fl-arti ta' għerien oħra. Bosta mill-pitturi jidher li saru biss wara li l-ħitan ġew imnaddfa mit-trab u xi depożiti, biex b'hekk iż-żona fejn kienu se jsiru l-pitturi mill-artisti kienet tkun iktar lixxa u ferm inqas skura. Bl-istess mod, kwalità tridimensjonali u suġġeriment ta' ċaqliq inkisbu permezz ta' inċiżjoni jew grif madwar il-kontorn ta' ċertu figuri. L-arti hija wkoll eċċezzjonali għal dak iż-żmien peress li tinkludi "xeni", eż. annimali jinteraġixxu ma' xulxin; par rinoċerontijiet sufija, pereżempju, jidhru jiġġieldu ma' xulxin bil-qarn tagħhom f'qisha battalja għat-territorju jew għad-drittijiet tat-tgħammir.
Il-grotta fiha wħud mill-eqdem pitturi magħrufa fl-għerien, abbażi tad-datar bir-radjokarbonju tal-"iswed mit-tpinġijiet, mill-marki tan-nugrufun mit-torċi u mill-art", skont Jean Clottes. Clottes jikkonkludi li d-"dati jinqasmu f'żewġ gruppi, waħda għall-ħabta tal-27,000–26,000 BP u l-oħra għall-ħabta tal-32,000–30,000 BP". Mill-1999, id-dati ta' 31 kampjun mill-grotta ġew irrapportati. L-iktar waħda bikrija, tal-kampjun Gifa 99776 miż-"żona 10", tmur lura għat-32,900 ± 490 BP.
Xi arkeologi ddubitaw dawn id-dati. Christian Züchner, li serraħ fuq tqabbil stilistiku ma' pitturi simili f'siti oħra datati sew, esprima l-opinjoni li l-pitturi bl-aħmar saru fil-perjodu Gravettjan (għall-ħabta tat-28,000–23,000 BP) u l-pitturi bl-iswed saru fil-perjodu Magdalenjan Bikri (fil-bidu tal-18,000–10,000 BP). Pettitt u Bahn ikkontestaw ukoll li d-datar ma kienx konsistenti mas-sekwenza stilistika tradizzjonali u li hemm inċertezza dwar is-sors tal-karbonju li ntuża fit-tpinġijiet u l-livell ta' kontaminazzjoni tas-superfiċe fuq iż-żoni esposti tal-blat. Studji stilistiċi wrew li wħud mill-inċiżjonijiet Gravettjani huma sovraimposti fuq pitturi bl-iswed u dan juri li l-pitturi saru qabel.
Sal-2011, inkisbu iktar minn 80 data bir-radjokarbonju, permezz ta' kampjuni minn marki tan-nugrufun bit-torċi u mill-pitturi stess, kif ukoll minn għadam tal-annimali u karbonju li nstab mal-art fil-grotta. Id-dati bir-radjokarbonju minn dawn il-kampjuni jissuġġerixxu li kien hemm żewġ perjodi fejn ġiet prodotta l-arti fil-Grotta ta' Chauvet: 35,000 sena ilu u 30,000 sena ilu. B'hekk l-okkupazzjoni u t-tpittir tal-grotta jiġu kkollokati fl-Era ta' Aurignac.
Artiklu ta' riċerka ppubblikat fil-Proceedings of the National Academy of Sciences f'Mejju 2012 minn xjenzati mill-Università ta' Savoy, mill-Università ta' Aix-Marseille u miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Preistorja, ikkonferma li l-pitturi nħolqu min-nies fl-Era ta' Aurignac, bejn 30,000 u 32,000 sena ilu. Is-sejbiet tar-riċerkaturi huma bbażati fuq l-analiżi bl-użu tad-datar ġeomorfoloġiku u tas-36Cl tas-superfiċi taċ-ċediment tal-art madwar dik li titqies bħala l-unika daħla tal-grotta. L-analiżi li għamlu wriet li d-daħla ġiet issiġillata biċ-ċediment ta' rdum xi 29,000 sena ilu. Is-sejbiet tagħhom wasslu għad-datar tal-preżenza umana fil-grotta u tal-pitturi, li qabel ma' dak li kien ġie dedott mid-datar bir-radjokarbonju, jiġifieri bejn 32,000–30,000 BP.
Studju tal-2016 fl-istess ġurnal li eżamina 259 data tar-radjokarbonju, uħud li qatt ma kienu ġew ippubblikati qabel, ikkonkluda li kien hemm żewġ fażijiet ta' okkupazzjoni umana, waħda bejn 33,500 sa 37,000 sena ilu u t-tieni minn 28,000 sa 31,000 sena ilu. Id-dati kollha ħlief tnejn għat-tpinġijiet bl-iswed kienu minn fażi iktar bikrija. L-awturi jemmnu li l-ewwel fażi ntemmet minħabba ċediment tal-blat ta' rdum li ssiġilla l-grotta, u mbagħad seħħew żewġ ċedimenti oħra lejn l-aħħar tat-tieni fażi ta' okkupazzjoni u warajha l-ebda bniedem jew annimal kbir ma daħal fil-grotta sa meta ġiet skoperta mill-ġdid. F'email lil-Los Angeles Times, tnejn mill-awturi spjegaw:
Grupp ta' bnedmin (klikka jew tribù) żaru l-Grotta ta' Chauvet matul l-ewwel perjodu madwar 36,000 sena ilu għal skopijiet kulturali. Huma pproduċew tpinġijiet bl-iswed ta' mammiferi enormi. Imbagħad, diversi eluf ta' snin wara, grupp ieħor minn post ieħor b'kultura oħra żaru l-grotta.
Fl-2020, ir-riċerkaturi użaw il-kurva l-ġdida tal-kalibrazzjoni tar-radjokarbonju IntCal20 u waslu għal stima li l-eqdem pittura fil-grotta ġiet maħluqa 36,500 sena ilu.
B'mod parallel mad-datar li twettaq fil-Grotta ta' Chauvet stess, mill-2008 'il quddiem, diversi membri tat-tim xjentifiku inkarigati biex jistudjaw il-grotta wettqu riċerka kronoloġika f'bosta siti tal-arti fuq il-blat tul il-widien dojoq tax-xmara Ardèche taħt it-tmexxija ta' Julien Monney. Seħħet fil-Grotta ta' Points (Aiguèze; Gard; Franza), li fiha jispikkaw similaritajiet ikonografiċi ċari mal-Grotta ta' Chauvet, iżda anke fil-Grotta ta' Deux-Ouvertures. Din ir-riċerka, bit-titlu ta' Proġett "Datation Grottes Ornées" (jew DGO), kienet maħsuba biex tiddetermina l-kuntest li fih ġew viżitati l-grotti bl-arti fuq il-blat tar-reġjun. Il-Proġett DGO jipproponi li tiġi diskussa l-eċċezzjonalità kronoloġika u ikonografika apparenti tal-Grotta ta' Chauvet "minn barra" billi tiġi kollokata fi ħdan grupp ta' grotti reġjonali. Ir-riċerka pproduċiet bosta riżultati li indirettament jikkonċernaw il-kronoloġija tal-Grotta ta' Chauvet.
Il-grotta ġiet issiġillata għall-pubbliku mill-1994. L-aċċess huwa ristrett b'rigorożità kbira minħabba l-esperjenza ta' x'ġara f'għerien iddekorati oħra bħal dawk ta' Altamira u Lascaux li nstabu fis-sekli 19 u 20, fejn l-aċċess lill-viżitaturi fuq skala kbira wassal għat-tkabbir ta' moffa fuq il-ħitan li xi kultant saħansitra għamlet ħsara lill-arti. Fis-sena 2000, l-arkeologa u esperta tal-pitturi fl-għerien Dominique Baffier inħatret biex tissorvelja l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-grotta. Warajha nħatret Marie Bardisa fl-2014.
Replika tal-Grotta ta' Chauvet, imsejħa "Caverne du Pont-d'Arc", ibbażata fuq il-mudell tar-replika ta' Lascaux, infetħet għall-pubbliku ġenerali nhar il-25 ta' April 2015. Hija l-ikbar replika ta' grotta li qatt inbniet fid-dinja, saħansitra għaxar darbiet akbar mir-replika ta' Lascaux. L-arti hija riprodotta bid-daqs tal-arti oriġinali f'replika kkondensata tal-ambjent ta' taħt l-art, f'binja ċirkolari 'l fuq mill-art, ftit kilometri mill-grotta oriġinali. Is-sensi tal-viżitaturi huma stimolati mill-istess sensazzjonijiet ta' silenzju, dlam, temperatura, umdità u akustika, li ġew riprodotti bir-reqqa kollha. Żjara virtwali tal-grotta, magħmula b'sistema ta' immaġnijiet tridimensjonali, hija disponibbli wkoll għall-pubbliku.
Il-Grotta ta' Chauvet ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2014.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".
Fit-18 ta' Diċembru 2020, il-mutur tat-tfittxija fuq l-internet Google ċċelebra s-26 anniversarju tal-iskoperta tal-Grotta ta' Chauvet b'Google Doodle.
L-awtur Kim Stanley Robinson immaġina l-ħajjiet ta' dawk li pittru l-Grotta ta' Chauvet fir-rumanz tiegħu tal-2013 Shaman.